Salamanca (SAL-ə-MANK-ə,pronunzja bl-Ispanjol: [salaˈmaŋka]) hija belt li tinsab fil-Punent ta'Spanja u hija l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Salamanca fil-komunità awtonoma ta' Kastilja u León. Il-belt tinsab fuq diversi għoljiet telgħin u neżlin max-xmaraTormes. Iċ-ċentru storiku tal-belt tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1] Mill-2018, il-muniċipalità għandha popolazzjoni ta' 143,978 ruħ.[2]
Hija waħda mill-iktar bliet universitarji importanti fi Spanja u tipprovdi 16 % tas-suq ta' Spanja fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwa Spanjola.[3][4] Fil-fatt fi Spanja jgħidu "Quien quiere aprender, viene a Salamanca" (Min irid jitgħallem, missu jiġi Salamanca). Salamanca tattira eluf ta' studenti internazzjonali.[5]
L-Università ta' Salamanca, stabbilita fl-1218, hija l-iktar università antika fi Spanja u t-tielet l-iktar università antika tal-Punent. Il-Papa Alessandru IV ta l-validità universali għal-lawriji tagħha.[6] L-università tilqa' 30,000 student u flimkien mat-turiżmu hija sors primarju ta' introjtu f'Salamanca.
Fdalijiet ta' dar fis-sit arkeoloġiku ta' Cerro de San Vicente (bejn wieħed u ieħor 800-400 Q.K.), insedjament ta' Żmien il-Bronż Bikri[7]
Il-belt toriġina bħala forti Ċeltiberiku tal-perjodu ta' qabel ir-Rumani, li nbena mill-Vaccaei jew il-Vettones bħala wieħed minn żewġ fortijiet biex jiddefendu t-territorju ta' madwarhom ħdejn ix-xmaraDuero. Fil-220Q.K., Annibale assedja l-forti u ħakmu. Bil-waqgħa tal-Kartaġiniżi meta ġew ir-Rumani, il-belt ta'Helmantica[8], kif kienet magħrufa dak iż-żmien, bdiet tikseb iktar importanza bħala ċentru kummerċjali fil-Hispania Lusitania Rumana minħabba l-pożizzjoni ġeografika strateġika u favorevoli f'mogħdija Rumana, magħrufa bħala Vía de la Plata, li kienet tikkollegaha ma'Emerita Augusta (magħrufa llum bħalaMérida) fin-Nofsinhar uAsturica Augusta (magħrufa llum bħalaAstorga) fit-Tramuntana. Il-pont ta' Tormes f'Salamanca, li nbena fl-ewwel seklu, kien jagħmel parti minn din il-mogħdija.
Mappa ta' Salamanca fl-1858
L-oriġini ta' isem il-belt mhijiex magħrufa.Polibju jsejħilhaHelmantike, filwaqt liTolomew isejħilhaSalmatike.Tito Livio uPlutarku jsejħulhaHermandica uSalmatike, rispettivament.Polienu jsejħilhaSalmantida jewSalmatis. F'leġġenda dwar it-twaqqif tal-belt, il-belt tiġi assoċjata ma' Teucer, ir-re mitoloġiku ta'Salamis.
Bil-waqgħa tal-Imperu Ruman, l-Alani stabbilew ruħhom fil-Lusitania. Iktar 'il quddiem il-belt inħakmet mill-Visigoti u ġiet inkluża fit-territorju tagħhom. Il-belt diġà kienet sede episkopali, u fil-fatt instabu l-firem tal-isqfijiet ta' Salamanca fil-Kunsilli ta'Toledo.
Salamanca arrendiet għall-invażjoni tal-Umayyad, immexxija minnMusa bin Nusair fis-712 W.K. Fiż-żona minn din il-belt max-xmara Tormes sat-Tramuntana tax-xmara Duero mbagħad saru bosta battalji bejn ir-renjiKristjani u l-mexxejjaMusulmani ta' Al-Andalus. Il-ġlied kostanti tar-Renju ta'León, iktar 'il quddiem imsaħħaħ mir-Renju ta' Kastilja, kontra l-Kaliffat wassal biex il-popolazzjoni ta' Salamanca tonqos ferm, saħansitra sa livell ta' insedjament mhux daqstant importanti. Wara l-Battalja ta' Simancas (939), il-Kristjani reġgħu insedjaw din iż-żona. Wara l-ħakma ta' Toledo fl-1085 minnAlfonso VI ta' León u Kastilja, seħħ l-insedjament mill-ġdid definittiv tal-belt.Raimundo ta' Bourgogne, fuq l-istuzzjonijiet ta' missieru tar-rispett Alfonso VI ta' León, mexxa grupp ta' insedjaturi ta' oriġini varja fl-1102.
Wieħed mill-iktar mumenti importanti fl-istorja ta' Salamanca kienet is-sena 1218, metaAlfonso IX ta' León ta karta reali lill-Università ta' Salamanca, għalkemm it-tagħlim formali kien ilu jeżisti hemmhekk mill-1130. F'qasir żmien saret wieħed mill-iktar ċentri akkademiċi sinifikanti u prestiġjużi fl-Ewropa.
Is-seklu 15 ġab miegħu kunflitti soċjali u tensjonijiet fost l-eliti urbani (żvilupp kumpless li spiss ma jiġix enfasizzat biżżejjed huwa t-tilwim intern bejn il-bandos), b'episodji gravi ta' vjolenza, li kienu jqanqlu sensazzjoni kronika ta' nuqqas ta' sigurtà fil-belt.[9]
Dettall ta' klassi universitarja f'Salamanca, pittura tal-1614
Lejn l-aħħar tas-seklu 15, kien stmat li l-popolazzjoni kienet xi 15,000–25,000 ruħ.[10] Mal-bidu tas-seklu 16, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kienet tgħix fix-xatt tal-lemin (Tramuntana) tax-xmara Tormes, b'arrabal żgħir fix-xatt tax-xellug (Nofsinhar) li kien abitat minn bejn wieħed u ieħor 300 ruħ biss.[11]
Matul is-seklu 16, il-belt għaddiet minn żmien tad-deheb (madwar 6,500 student u popolazzjoni totali ta' 24,000 ruħ). Matul dak il-perjodu, l-Università ta' Salamanca ospitat l-iktar intellettwali importanti ta' dak iż-żmien; dawn il-gruppi ta' studenti u studjużi, il-maġġoranza tagħhom Dumnikani, ġew iddeżinjati bħala l-Iskola ta' Salamanca. Id-duttrina ġuridika tal-Iskola ta' Salamanca kienet tirrappreżenta t-tmiem tal-kunċettiMedjevali tad-dritt, u stabbiliet il-korp fundamentali tad-dritt Ewropew u tal-kunċetti tal-moralità, inkluż id-drittijiet bħala ħlejqa ħajja, bħad-dritt għall-ħajja, id-drittijiet ekonomiċi, bħad-dritt li tkun sid ta' proprjetà, u d-drittijiet spiritwali, bħad-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u d-drittijiet relatati mad-dinjità umana intrinsika.
Fl-1551, l-Imperatur Ruman SagruKarlu V ordna inkjesta biex jiġi vverifikat jekk ix-xjenza ta'Andreas Vesalius, fiżiku u anatomista, kinitx konformi mad-duttrinaKattolika. Vesalius ġie Salamanca f'dik l-istess sena biex jidher quddiem il-bord tal-inkjesta u nħeles minn kull akkuża.
Matul is-seklu 17, Salamanca batiet minħabba t-taqlib ġenerali tar-Renju ta' Kastilja, iżda fis-seklu 18 reġgħet ħadet il-ħajja. F'dan il-perjodu, il-katidral Barokk ġdid u l-pjazza prinċipali (Plaza Mayor) tlestew.
Il-Knisja ta' San Stiefnu, Salamanca
Fix-xenarju tal-GwerraPeniżolari tal-Gwerer ta'Napuljun, il-Battalja ta' Salamanca seħħet fit-22 ta' Lulju 1812 fl-għelieqi viċinArapiles, fejn armata Anglo-Portugiża mmexxija minnWellington rebħet b'mod deċiżiv kontra l-armata Franċiża ta'Marmont. Il-kwartier tal-Punent ta' Salamanca ġie mġarraf sew bil-balal tal-kanuni u bil-porvli. Il-battalja li faqqgħet dakinhar baqgħet famuża bħala mument storiku fl-istorja militari u 13,000 suldat mietu jew indarbu fi żmien ftit sigħat biss.[12]
Matul il-Gwerra Ċivili Spanjola devastanti (1936-1939), il-belt malajr xaqilbet man-naħa Nazzjonalista u ntużat temporanjament bħala l-kwartieri ġeneralide facto għall-fazzjoni ribelli.Francisco Franco ġie pproklamatGeneralissimo fil-21 ta' Settembru 1936 meta kien fil-belt. F'April 1937, il-FET y de las JONS, l-unika partit tad-dittatura, inħoloq permezz ta' Digriet tal-Unifikazzjoni maħruġ fil-belt mal-fużjoni tal-Falange tal-faxxisti u l-Karlisti tradizzjonalisti. In-Nazzjonalisti ma damux ma ċaqilqu l-biċċa l-kbira tal-istabbilimenti amministrattivi lejnBurgos, li peress li kienet iktar ċentrali, kienet iktar adattata għal dan l-iskop. Madankollu, xi stabbilimenti amministrattivi, il-kwartieri ġenerali ta' Franco (fil-Palazz Episkopali, maġenb il-Katidral l-Antik) u l-kmandi militari baqgħu f'Salamanca, flimkien mad-delegazzjonijiet Faxxisti Ġermaniżi uTaljani, u b'hekk kienet il-kapitali Nazzjonalista u ċ-ċentru tal-poterde facto matul il-Gwerra Ċivili kollha.[13][14] Bħall-biċċa l-kbira tar-reġjuni Kattoliċi u rurali ta' Leon u Kastilja, Salamanca baqgħet tappoġġa bil-kbir lin-Nazzjonalisti u lir-reġim ta' Francisco Franco sal-aħħar.
Fl-1988, iċ-ċentru storiku ta' Salamanca sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Fl-1998, il-belt ġiet iddikjarataKapitali Ewropea tal-Kultura għall-2002 (flimkien ma'Bruges). Fl-14 u fil-15 ta' Ottubru 2005, il-belt ospitat il-ħmistax-il Summit Ibero-Amerikan tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern.
Mill-1996, Salamanca ġiet iddeżinjata bħala s-sit għall-arkivji tal-Gwerra Ċivili Spanjola (bl-Ispanjol:Archivo General de la Guerra Civil Española). Id-dokumenti oriġinali nġabru flimkien mir-reġim ta' Franco, wara li kienu nkisbu b'mod selettiv mid-dipartimenti amministrattivi ta' diversi istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet matul il-Gwerra Ċivili Spanjola bħala strument repressiv li ntuża kontra l-gruppi u l-individwi tal-oppożizzjoni.[15] Il-gvern Soċjalista ċaqlaq il-parti Katalana tal-arkivju lejnBarċellona fl-2006 minkejja l-oppożizzjoni mill-awtoritajiet lokali u protesti popolari.
Plakka tal-20 anniversarju ta' Salamanca bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Plaza Mayor
Iċ-ċentru storiku ta' Salamanca ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO:il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”;il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; ul-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]
Il-belt tinsab max-xtut tax-xmara Tormes, tributarja maġġuri tax-xatt tax-xellug tax-xmara Douro. Hija parti wkoll mill-Vía de la Plata, mogħdija antika min-Nofsinhar sat-Tramuntana tal-Punent ta' Spanja.[16] Tinsab madwar 200 kilometru (120 mil) fil-Punent tal-belt kapitali Spanjola ta'Madrid[17] u 80 kilometriu (50 mil) fil-Lvant tal-fruntiera bejn Spanja u l-Portugall.
B'altitudni ta' iżjed minn 800 metru, Salamanca għandha klima Mediterranja bi sjuf sħan (Csb) skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen, b'xi influwenzi klimatiċi semiaridi kesħin (BSk), li jirriżultaw f'varjazzjonijiet kbar fit-temperaturi ta' binhar. B'hekk ikollha sjuf sħan u xtiewi kesħin, u livelli ta' preċipitazzjoni kważi semiaridi. Salamanca ma tantx għandha staġun tax-xita. Il-biċċa l-kbira tal-preċipitazzjoni tinżel meta ma jkunx is-sajf, l-iktar fl-aħħar tar-rebbiegħa u matul ix-xitwa; fix-xtiewi kollha tinżel il-borra għal ftit jiem fis-sena, għalkemm qajla jkun hemm ħafna borra.[18] Bħala medja l-belt ikollha xi sebat ijiem ta' borra fis-sena, u l-ġlata filgħodu matul ix-xitwa hija xi ħaġa komuni u normali ħafna. Salamanca, bħala medja, ikollha 76 jum b'temperaturi baxxi taħt iż-żero.[19]
Data klimatika għall-Ajruport ta' Salamanca; 790 m (2,590 pied) temp. normali 1981-2010, estremi 1945-2021
L-Università ta' Salamanca ġiet stabbilita fl-1134 u fl-1218 ingħatat il-karta rjali tat-twaqqif ("Estudio General") mingħand Alfonso IX ta' León. Kienet l-ewwel università li rċeviet it-titlu ta' "Università" fl-1254. Taħt il-patroċinju ta'Alfonso X, il-ġid u r-reputazzjoni tagħha kibru ferm (1252-1282), u l-iskejjel tagħha tad-dritt kanoniku u tad-dritt ċivili attiraw studenti saħansitra mill-Universitajiet ta'Pariġi u ta'Bologna. Fis-seklu 16, il-ġid tal-belt kien jiddependi fuq dak tal-università. Dak iż-żmienKristofru Kolombu kien jagħti lekċers hemmhekk dwar l-iskoperti tiegħu, filwaqt liHernán Cortés tgħallem f'Salamanca, iżda reġa' lura d-dar fl-1501 meta kellu 17-il sena, mingħajr ma temm il-kors ta' studju tiegħu. Xi għaxar snin wara, il-conquistadorFrancisco Vásquez de Coronado twieled f'Salamanca.
L-ekonomija tal-belt hija ddominata mill-università u mit-turiżmu, iżda setturi oħra, fosthom l-agrikoltura u t-tkabbir tal-annimali, kif ukoll il-kostruzzjoni u l-manifattura huma sinifikanti wkoll. Mhux kumbinazzjoni li f'Diċembru 2007, 83 % tal-forza tax-xogħol tal-belt, jiġifieri 55,838 ruħ, kienu impjegati fis-settur tas-servizzi.[22]
L-attività industrijali tirrappreżenta madwar 5 % tal-popolazzjoni tal-forza tax-xogħol, jew 3,340 impjegat f'iktar minn 360 negozju.[22] Tnejn mill-ikbar negozji, it-tnejn li huma fost il-mitt l-ikbar impriżi fir-reġjun, huma l-manifattur tal-vaċċini veterinarji "Laboratorios Intervet", u l-manifattur speċjalista tal-fertilizzanti "S.A. Mirat", li hija l-iktar kumpanija industrijali antika tal-belt, stabbilita oriġinarjament bħala fabbrika tal-lamtu fl-1812.[23]
Il-Ġimgħa Mqaddsa (bl-Ispanjol:Semana Santa) f'Salamanca hija l-iktar festa magħrufa fil-belt. Salamanca hija rinomata għall-purċissjonijiet solenni li jsiru matul il-Ġimgħa Mqaddsa. 16-il konfraternità, 10,000 persuna jew "cofrades", u 50 vara jew "pasos" jiċċelebraw il-Passjoni ta'Kristu b'20 purċissjoni u eluf ta' fidili, turisti u viżitaturi.
Uħud miċ-ċelebrazzjonijiet ilhom isiru għal sekli sħaħ. Il-konfraternitajiet iġorrupasos artistiċi maħluqa minn artisti Spanjoli importanti bħal Luis Salvador Carmona, Alejandro Carnicero jew Mariano Benlliure. Fl-2003, il-festa tal-Ġimgħa Mqaddsa ta' Salamanca kisbet dikjarazzjoni uffiċjali li hija ta' Interess Turistiku Internazzjonali.[25]
Salamanca hija famuża wkoll fi Spanja kollha u fil-bqija tal-Ewropa għaċ-ċelebrazzjonijiet tagħha tan-"Nochevieja Universitaria", jiġifieri l-"Lejla tas-Sena l-Ġdida Universitarja".[26] Normalment issir nhar il-Ħamis tal-aħħar ġimgħa skolastika f'Diċembru u ġimagħtejn qabel lejliet l-Ewwel tas-Sena l-Ġdida reali. Dakinhar, l-istudenti jinġemgħu fil-Plaza Mayor ta' Salamanca biex jaraw spettakli mingħajr ħlas u jsejħu flimkien l-aħħar sekondi qabel nofsillejl.
Mill-1923 'il quddiem, "Los Charros,” formalment l-Union Deportiva Salamanca, kienu t-tim tal-futbol ta' Salamanca. Fl-2013, il-klabb tal-futbol falla u l-attivitajiet tiegħu ġew abbandunati.[27] Wara li l-klabb xolja, xi maniġers tal-entità ddeċidew li jerġgħu jistabbilixxu t-tim biex jerġa' jibda jikkompeti skont il-legat tal-klabb storiku. B’hekk stabbilew il-Club de Fútbol Salmantino.
L-ewwel qabża f'għoli ta' iżjed minn tmien piedi (2.44 metri) saret f'Salamanca, minnJavier Sotomayor fl-1993. Il-qabża tiegħu, ta' 2.45 metri (tmien piedi u 0.46 pulzieri), għadha rekord dinji ta' dik id-dixxiplina.
Ix-xenarju pittoresk tal-belt deher f'diversi films, fosthom1492: Conquest of Paradise ta'Ridley Scott uGoya's Ghosts ta'Miloš Forman. Il-film storiku tal-2019While at War ta'Alejandro Amenábar huwa ambjentat f'Salamanca u fih diversi xeni li nġibdu fil-belt. It-thriller politiku tal-2008Vantage Point kien ambjentat ukoll f'Salamanca, għalkemm il-film inġibed kważi esklużivament fil-Messiku.
Fost il-bosta ikliet lokali, iċ-chanfaina (ross fuq l-istim bil-laħam tal-majjal) hija popolari ħafna. Ikla popolari oħra hija l-cocido, stuffat taċ-ċiċri li jitħalla jtektek fuq in-nar biex isir. Madankollu, l-iktar ikla popolari hija l-hornazo, torta tal-laħam.
^Blanco-González, Antonio; Macarro Alcalde, Carlos; Alario García, Cristina (2017). "La aldea del Hierro Inicial del Cerro de San Vicente (Salamanca, España): Resultados de las excavaciones entre 1990 y 2006 a la luz de algunos debates actuales" (PDF).Munibe Antropologia-Arkeologia. San Sebastián: Aranzadi Zientzia Elkartea (68): 217–236. ISSN 1132-2217.
^Monsalvo, José María (2009). "Las violencias banderizas en la Salamanca medieval. Algunos problemas de interpretación".Imago Temporis: Medium Aevum. Lleida: Universitat de Lleida.III: 469–470. ISSN 1888-3931.
^Martín Martín, José Luis (1982). "Estructura demográfica y profesional de Salamanca a finales de la Edad Media".Salamanca. Revista de Estudios (1): 16. ISSN 0211-9730.
^Martín Martín, José Luis (1982). "Estructura demográfica y profesional de Salamanca a finales de la Edad Media".Salamanca. Revista de Estudios (1): 16. ISSN 0211-9730. p. 28.
^Monfort, César Carreras; Cabrillana, Glòria Munilla (5 August 2017). "Patrimoni digital: un nou mitjà al servei de les institucions culturals". Editorial UOC.
^Vaca Lorenzo, Ángel (2002). "La Vía de la Plata a su paso por Salamanca" (PDF).Salamanca. Revista de Estudios. Salamanca: Diputación Provincial de Salamanca (48): 13–50. ISSN 0211-9730.