Kreta (/kreta/; bil-Grieg: Κρήτη,Modern:Kríti [ˈkriti],Antik:Krḗtē [krɛ̌ːtεː]) hija l-ikbar u l-iżjed popolata fost il-gżejjerGriegi, it-88 l-ikbar gżira fid-dinja u l-ħames l-ikbar gżira fil-Baħar Mediterran, waraSqallija,Sardenja, Ċipru uKorsika. Kreta tinsab madwar 160 kilometru (99 mil) fin-Nofsinhar tal-art kontinentali Griega, u madwar 100 kilometru (62 mil) fil-Lbiċ tal-Anatolja. Kreta għandha erja ta' 8,450 km2 (3,260 mil kwadru) u kosta twila 1,046 kilometru (650 mil). Tikkonfina l-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Baħar Eġew, bil-Baħar ta' Kreta (jew il-Baħar tat-Tramuntana ta' Kreta) lejn it-Tramuntana u l-BaħarLibjan (jew il-Baħar tan-Nofsinhar ta' Kreta) lejn in-Nofsinhar. Kreta tkopri 260 kilometru mill-Punent għal-Lvant iżda hija dejqa mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, b'wisa' mifruxa fuq tliet lonġitudnijiet iżda fuq nofs latitudni biss.
Kreta u għadd ta' gżejjer u gżejriet ta' madwarha jikkostitwixxu r-Reġjun ta' Kreta (bil-Grieg: Περιφέρεια Κρήτης), li huwa l-iżjed fin-Nofsinhar fost it-13-il unità amministrattiva tal-ogħla livell tal-Greċja, u l-ħames l-iżjed popolat fost ir-reġjuni Griegi. Il-belt kapitali u l-ikbar belt tagħha hiHeraklion, max-xatt tat-Tramuntana tal-gżira. Sal-2021, ir-reġjun kellu popolazzjoni ta' 624,408 ruħ. Il-Gżejjer Dodekaniżi jinsabu lejn il-Grigal ta' Kreta, filwaqt li l-Gżejjer Ċikladi jinsabu lejn it-Tramuntana, isseparati mill-Baħar ta' Kreta. Il-Gżejjer Peloponniżi jinsabu lejn il-Grigal tar-reġjun.
Kreta kienet iċ-ċentru tal-ewwel ċivilizzazzjoni avvanzata, il-Minoani, mill-2700 sal-1420Q.K. Iċ-ċivilizzazzjoni Minoana ġiet megħluba miċ-ċivilizzazzjoni ta'Mycenae mill-art kontinentali Griega. Kreta iktar 'il quddiem ġiet immexxija minnRuma, u mbagħad mill-Imperu Biżantin, mill-Għarab tal-Andalusija, mir-RepubblikaVenezjana, u mill-Imperu Ottoman. Fl-1898, Kreta, wara li ċ-ċittadini tagħha riedu jingħaqdu mal-istat Grieg, kisbet l-indipendenza mill-Ottomani, u formalment saret l-Istat ta' Kreta. Kreta saret parti mill-Greċja f'Diċembru 1913.
Il-gżira fil-biċċa l-kbira tagħha hija muntanjuża, u n-natura tagħha hija definita minn katina muntanjuża għolja mill-Punent għal-Lvant. Din tinkludi l-ogħla punt ta' Kreta, il-Muntanja Ida, u l-katina muntanjuża tal-Muntanji Bojod (Lefka Ori) bi 30 quċċata 'l fuq minn 2,000metru (6,600 pied) bħala altitudni u l-Fondoq ta' Samarià, Riżerva ta' Bijosfera Dinjija. Kreta tifforma parti sinifikanti mill-ekonomija u mill-wirtkulturali tal-Greċja, filwaqt li għandha t-traċċi kulturali tagħha stess ukoll (bħall-poeżija u l-mużika tagħha stess). L-ajruport ta' Nikos Kazantzakis f'Heraklion u l-ajruport ta' Daskalogiannis f'Chania jaqdu lill-vjaġġaturi internazzjonali. Il-palazz tal-Minoani fiKnossos jinsab ukoll f'Heraklion.
L-iżjed referenzi bikrin għall-gżira ta' Kreta ġejjin minn testi mill-beltSirjana ta' Mari u jmorru lura għas-seklu 18Q.K., fejn issir referenza għall-gżira bħalaKaptara. Dan jiġi ripetut iktar 'il quddiem fir-reġistri Neo-Assirjani u fil-Bibbja (Caphtor). Bl-Eġizzjan tal-Qedem kienet magħrufa bħalaKeftiu jewkftı͗w, li jissuġġerixxi isem Minoan simili għall-gżira.
L-isem attwali ta'Kreta jidher għall-ewwel darba fit-testi Griegi ta' Mycenae tas-seklu 15 Q.K., miktub bil-Lineari B, bil-kelmietke-re-te (*Krētes; bil-Grieg: Κρῆτες [krɛː.tes], il-plural ta' Κρής [krɛːs]) uke-re-si-jo (*Krēsijos; bil-Grieg: Κρήσιος [krέːsios], "minn Kreta"). Bil-Grieg Antik, l-isem Kreta (Κρήτη) jidher għall-ewwel darba fl-Odissea ta'Omeru. L-etimoloġija tiegħu mhix magħrufa. Proposta partikolari ssostni li oriġina mill-kelma ipotetika Luwijana *kursatta (kursawar tfisser 'gżira',kursattar tfisser 'taqta', tiżloq'). Proposta oħra tissuġġerixxi li oriġina mill-kelma bil-Grieg Antik"κραταιή" (krataie̅), li tfisser qawwi jew b'saħħtu, għaliex Kreta kienet l-iżjed talassokrazija b'saħħitha fi żmien il-qedem.
Bil-Latin, isem il-gżira sarCreta. L-isemGħarbi oriġinali ta' Kreta kienIqrīṭiš (bl-Għarbi: اقريطش < (τῆς) Κρήτης), iżda wara l-istabbiliment tal-Emirat ta' Kreta u l-istabbiliment tal-belt kapitali l-ġdida tiegħu f'ربض الخندقRabḍ al-Ḫandaq (Heraklion moderna; bil-Grieg: Ηράκλειο,Irákleio), kemm il-belt kif ukoll il-gżira saru magħrufa bħala Χάνδαξ (Chandax) jew Χάνδακας (Chandakas), li minnu tnissel l-isem Latin,Taljan u VenezjanCandia, li mbagħad minnu oriġina l-isemFranċiżCandie uIngliżCandy jewCandia. Taħt it-tmexxija Ottomana, bit-Tork Ottoman, Kreta kienet imsejħaGirit (كريد). Fil-Bibbja bl-Ebrajk, Kreta tissejjaħ (כְּרֵתִים) "kretim".
Kreta hija l-ikbar gżira fil-Greċjau l-ħames l-ikbar gżira fil-Baħar Mediterran. Tinsab fin-Nofsinhar tal-Baħar Eġew u tissepara l-Eġew mill-Baħar Libjan.
Il-gżira għandha għamla tawwalija: twila 260 kilometru (160 mil) mil-Lvant għall-Punent, wiesgħa 60 kilometru (37 mil) fl-usa' punt tagħha, u tidjieq saħansitra sa 12-il kilometru (7.5 mili) qrib Ierapetra. Kreta tkopri erja ta' 8,336 km2 (3,219-il mil kwadru), b'kosta ta' 1,046 kilometru (650 mil); lejn it-Tramuntana, tidħol fil-Baħar ta' Kreta (bil-Grieg: Κρητικό Πέλαγος); lejn in-Nofsinhar, tidħol fil-Baħar Libjan (bil-Grieg: Λιβυκό Πέλαγος); fil-Punent, tmiss mal-Baħar Mirtoan, u lejn il-Lvant mal-Baħar tal-Karpazji. Tinsab madwar 160 kilometru (99 mil) fin-Nofsinhar tal-art kontinentali Griega.
Il-bajja bil-palm ta' Vai.
Hemm għadd ta'peniżoli u golfijiet fuq in-naħa tat-Tramuntana ta' Kreta, mill-Punent għal-Lvant dawn jinkludu: il-Peniżola ta' Gramvousa, il-Golf ta' Kissamos, il-Peniżola ta' Rodopos, il-Golf ta' Chania, il-Peniżola ta' Akrotiri, il-Bajja ta' Souda, il-Kap ta' Apokoronas, il-Golf ta' Almiros, il-Golf ta' Heraklion, il-Kap ta' Aforesmenos, il-Golf ta' Mirabello, il-Golf ta' Sitia u l-Peniżola ta' Sideros. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta' Kreta hemm il-Golf ta' Messaras u l-Kap ta' Lithinon.
Kreta hija muntanju'a, u n-natura tagħha hija definita minn katina muntanjuża għolja mill-Punent għal-Lvant, iffurmata minn sitt gruppi differenti ta' muntanji:
il-Muntanji Bojod jew Lefka Ori; 2,453 metru (8,048 pied);
il-Katina Muntanjuża ta' Idi (Psiloritis); 2,456 metru (8,058 pied);
il-Muntanji ta' Asterousia; 1,231 metru (4,039 pied);
Kedros; 1,777 metru (5,830 pied);
il-Muntanji ta' Dikti; 2,148 metru (7,047 pied);
Thrypti; 1,489 metru (4,885 pied).
Dawn il-muntanji jżewqu lil Kreta bil-widien, bħall-Wied ta' Amari, bil-promontorji għammiela, bħall-Promontorju ta' Lasithi, ta' Omalos u ta' Nidha; bl-għerien, bħal dawk ta' Gourgouthakas, Diktaion u Idaion (il-post tat-twelid tal-allamitoloġiku Grieg antikŻews); u għadd ta' fniedaq.
Il-muntanji minn dejjem jispikkaw bħala karatteristika ewlenija distintiva tal-gżira, speċjalment minn żmien il-kitbiet tal-vjaġġaturiRomantiċi. Ċittadini kontemporanji ta' Kreta jagħmlu distinzjoni bejn iċ-ċittadini li jgħixu fil-baxx u dawk li jgħixu fl-għoli; dawk tal-ewwel isostnu li jirresjedu f'postijiet b'ambjent klimatiku u morali ogħla/aħjar. Skont il-legat tal-awturi Romantiċi, il-muntanji jitqiesu bħala li ddeterminaw ir-"reżistenza" tar-residenti kontra l-invażuri tal-imgħoddi, sikwit b'rabta mal-idea li ċ-ċittadini li kienu jgħixu fl-għoli kienu iktar "safja" f'termini ta' inqas żwiġijiet mal-okkupanti tal-gżira. Għar-residenti taż-żoni muntanjużi, bħal Sfakia fil-Punent ta' Kreta, il-muntanji aridi u mimlijin blat huma enfasizzati bħala element ta' kburija u spiss jitqabblu mal-muntanji allegatament b'ħamrija ratba ta' partijiet oħra tal-Greċja jew tad-dinja.
Il-gżira għandha għadd ta' fniedaq, bħall-Fondoq ta' Samariá, il-Fondoq ta' Imbros, il-Fondoq ta' Kourtaliotiko, il-Fondoq ta' Ha, il-Fondoq ta' Platania, il-Fondoq tal-Mejtin (f'Kato Zakros, Sitia) u l-Fondoq ta' Richtis u l-Kaskata ta' Richtis f'Exo Mouliana, Sitia.
Ix-xmajjar ta' Kreta jinkludu x-xmajjar Geropotamos, Koiliaris, Anapodiaris, Almiros, Giofyros, Keritis u Megas Potamos. Fi Kreta hemm żewġ lagi biss tal-ilma ħelu: il-Lag ta' Kournas u l-Lag ta' Agia, u t-tnejn li huma jinsabu fl-unità reġjonali ta' Chania. Il-Lag ta' Voulismeni mal-kosta, f'Aghios Nikolaos, fl-imgħoddi kien lag tal-ilma ħelu iżda issa ngħaqad mal-baħar, f'Lasithi. Fi Kreta jeżistu wkoll tliet lagi artifiċjali li nħolqu bid-digi: il-lag tad-Diga ta' Aposelemis, il-lag tad-Diga ta' Potamos, u l-lag tad-Diga ta' Mpramiana.
Għadd kbir ta' gżejjer, gżejriet u blat jinsab tul il-kosta ta' Kreta. Bosta jżuruhom it-turisti, filwaqt li wħud iżuruhom biss l-arkeologi u l-bijologi. Uħud huma protetti ambjentalment. Kampjun żgħir tal-gżejjer jinkludi:
Gramvousa (Kissamos, Chania), il-gżira tal-pirati faċċata tal-laguna ta' Balo;
Elafonisi (Chania), fejn seħħ nawfraġju u massakru Ottoman;
Chrysi (Ierapetra, Lasithi), li tospita l-ikbar foresta naturali tal-ġniebruJuniperus macrocarpa fl-Ewropa;
Paximadia (Agia Galini, Rethymno), fejn twieldu d-divinità maskiliApollo u d-divinità femminiliArtemide;
il-forti Venezjan u l-kolonja tal-lebbrużi f'Spinalonga, faċċata tal-bajja u l-ilmijiet baxxi ta' Elounda (Agios Nikolaos, Lasithi);
Dionysades, li huma l-gżejjer f'reġjun protett ambjentalment flimkien mal-foresta tal-Bajja tal-Palm fil-muniċipalità ta' Sitia, Lasithi.
Lil hinn mill-kosta tan-Nofsinhar, il-gżira ta' Gavdos tinsab 26 mil nawtiku (48 kilometru) fin-Nofsinhar ta' Hora Sfakion u hija l-iżjed punt fin-Nofsinhar tal-Ewropa.
Kreta tinsab qalb żewġ żoni klimatiċi, il-Mediterran u l-klima semiarida, għalkemm fil-biċċa l-kbira għandha klima Mediterranja. B'hekk, il-klima ta' Kreta hija primarjament klima Mediterranja bi sjuf sħan (klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen:Csa) filwaqt li xi żoni fin-Nofsinhar u fil-Lvant għandhom klima sħuna u semiarida (klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen:BSh). L-elevazzjonijiet iktar għoljin jaqgħu fil-kategorija klimatika Mediterranja bi sjuf kemxejn sħan (klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen:Csb), filwaqt li l-qċaċet muntanjużi (>2,000 metru) għandhom klima Mediterranja bi sjuf kesħin (klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen:Csc) jew klima kontinentali (klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen:Dfb jewDfc). L-atmosfera tista' tkun pjuttost umduża, skont il-prossimità tal-baħar, filwaqt li x-xtiewi jkunu pjuttost miti. Il-borra hija komuni fil-muntanji bejn Novembru u Mejju, iżda qajla tinżel fiż-żoni iktar baxxi.
Il-kosta tan-Nofsinhar, inkluż il-Pjanura ta' Mesara u l-Muntanji ta' Asterousia, għandha żona klimatika tat-Tramuntana tal-Afrika, u b'hekk tgawdi iktar jiemxemxin u temperaturi għoljin is-sena kollha. Hemmhekk, is-siġar tal-palm bit-tamal jagħtu l-frott, u l-ħuttaf jibqgħu hemm is-sena kollha u ma jpassux lejn l-Afrika. Ir-reġjun għammiel madwar Ierapetra, fil-Lbiċ tal-gżira, għandu produzzjoni agrikola s-sena kollha, bi ħxejjex u bi frott tas-sajf prodotti fis-serer matul ix-xitwa. Fil-Punent ta' Kreta (il-provinċja ta' Chania) tinżel ferm iktar xita u l-ħamrija ta' hemmhekk tesperjenza iktar erożjoni meta mqabbla mal-Lvant ta' Kreta.
It-temperaturi annwali medji jlaħħqu l-21.0°C fin-Nofsinhar ta' Kreta. Kreta għandha r-rekord għall-ogħla temperaturi li qatt ġew irreġistrati fl-Ewropa f'Ottubru, f'Novembru, f'Jannar u fi Frar mill-impjanti tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija. Skont is-Servizz Meteoroloġiku Nazzjonali Elleniku, in-Nofsinhar ta' Kreta tesperjenza l-iktar xemx fil-Greċja b'iktar minn 3,257 siegħa ta' xemx fis-sena.
Kreta hija l-iżjed gżira popolata fil-Greċja, b'popolazzjoni ta' iktar minn 600,000 ruħ. Bejn wieħed u ieħor 42 % jgħixu fil-bliet u fl-irħula prinċipali ta' Kreta, filwaqt li 45 % jgħixu fiż-żoni rurali.
Kreta flimkien mal-gżejjer tal-madwar tagħha tifforma r-Reġjun ta' Kreta (bil-Grieg: Περιφέρεια Κρήτης,Periféria Krítis, [periˈferia ˈkritis]), wieħed mit-13-il reġjun tal-Greċja li ġew stabbiliti bir-riforma amministrattiva tal-1987. Fil-qafas tal-pjan ta' Kallikratis tal-2010, is-setgħat u l-awtorità tar-reġjuni ġew ridefiniti u estiżi. Ir-reġjun huwa bbażat f'Heraklion u huwa maqsum f'erba' unitajiet reġjonali (prefetturi ta' qabel il-pjan ta' Kallikratis). Mill-Punent għal-Lvant dawn huma: Chania, Rethymno, Heraklion u Lasithi. Dawn huma maqsuma mill-ġdid f'24 muniċipalità.
Mill-1 ta' Jannar 2011, il-gvernatur reġjonali huwa Stavros Arnaoutakis tal-Moviment Soċjalista Pan-Elleniku. Ġie elett għall-ewwel darba fl-2010, u reġa' ġie elett fl-2014, fl-2019 u fl-2023.
Heraklion hija l-ikbar belt u l-belt kapitali ta' Kreta, b'iktar minn kwart tal-popolazzjoni tal-gżira. Chania kienet il-belt kapitali sal-1971. Il-bliet prinċipali huma:
Skont id-data uffiċjali taċ-ċensiment mill-Awtorità Ellenika tal-Istatistika, il-popolazzjoni tar-reġjun żdiedet b'1,343 ruħ bejn l-2011 u l-2021, b'żieda ta' 0.22 %. Il-gżira tospita 308,608raġel u 315,800mara, jiġifieri 49.4 % u 50.6 % tal-popolazzjoni, rispettivament.
Popolazzjoni ta' Kreta skont l-ELSTAT
Kreta
1981
1991
2001
2011
2021
Popolazzjoni
502,165
540,054
601,131
623,065
624,408
Bidla
--- --- ---
+7.27 %
+10.7 %
+3.58 %
+0.22 %
Il-gżira hija maqsuma f'erba' unitajiet reġjonali: Heraklion, Rethymno, Chania u Lasithi.
Unitajiet reġjonali ta' Kreta skont il-popolazzjoni skont l-ELSTAT
L-ekonomija ta' Kreta hija bbażata l-iktar fuq is-servizzi u t-turiżmu. Madankollu, l-agrikoltura taqdi rwol importanti wkoll u Kreta hija waħda mill-ftit gżejjer Griegi awtosuffiċjenti anke mingħajr l-industrija tat-turiżmu. L-ekonomija bdiet tinbidel b'mod ċar matul is-snin 70 tas-seklu 20 malli t-turiżmu beda jikseb l-importanza. Għalkemm l-enfasi tibqa' fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali, minħabba l-klima u l-art tal-gżira, kien hemm tnaqqis kbir fil-manifattura, u tkabbir żgħir fl-industriji tas-servizzi (l-iktar b'rabta mat-turiżmu). It-tliet setturi kollha tal-ekonomija ta' Kreta (l-agrikoltura/it-trobbija tal-annimali, l-ipproċessar/l-ippakkjar, is-servizzi), huma marbuta direttament u b'mod interdipendenti. Il-gżira għandu introjtuper capita ferm ogħla mill-medja Griega, filwaqt li l-qgħad ilaħħaq madwar 4 %, jiġifieri 15 % tal-pajjiż kollu.
Bħal f'bosta reġjuni oħra tal-Greċja, il-vitikultura u l-għelieqi bis-siġar taż-żebbuġ huma sinifikanti; jitħawwlu wkoll siġar tal-larinġ, taċ-ċitru u tal-avokado. Sa dan l-aħħar kien hemm restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-banana lejn il-Greċja, għaldaqstant il-banana kienet titkabbar fuq il-gżira, l-iktar fis-serer. Il-prodotti tal-ħalib huma importanti għall-ekonomija lokali u hemm għadd ta' speċjalitajiet ta' ġobon, bħall-mizithra, l-anthotyros u l-kefalotyri.
20 % tal-inbid Grieg jiġi prodott fi Kreta, l-iktar fir-reġjun ta' Peza.
Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) tar-reġjun kien ta' €9.4 biljun fl-2018, jiġifieri 5.1 % tal-output ekonomiku tal-Greċja. Il-PDGper capita aġġustat skont is-setgħa tal-akkwist kien ta' €17,800 jew 59 % tal-medja tal-EU27 fl-istess sena. Il-PDG għal kull impjegat kien ta' 68 % tal-medja tal-Unjoni Ewropea. Kreta hija r-reġjun fil-Greċja bil-ħames l-ogħla PDGper capita.
Il-gżira għandha tliet ajruporti sinifikanti, l-ajruport ta' Nikos Kazantzakis f'Heraklion, l-ajruport ta' Daskalogiannis f'Chania u l-ajruport iż-żgħir ta' Sitia. L-ewwel żewġ ajruporti jaqdu r-rotot internazzjonali, u jservu bħala l-ajruporti prinċipali għall-vjaġġturi lejn il-gżira u minnha. Inbeda x-xogħol biex l-ajruport ta' Heraklion jiġi sostitwit b'ajruport ġdid f'Kasteli, li attwalment huwa bażi tal-forzi tal-ajru, u l-ajruport il-ġdid ta' Kasteli mistenni jiftaħ sal-2027.
Il-gżira hija moqdija sew bil-laneċ, l-iktar minnPiraeus, permezz ta' kumpaniji tal-laneċ bħal Linji Minoani u l-Linji ANEK b'kollegamenti mal-Gżejjer Ċikladi u d-Dodekaniżi. Seajets topera wkoll rotot lejn iċ-Ċikladi.
Il-portijiet prinċipali mill-Punent għal-Lvant huma f'Kissamos (kollegament tal-laneċ mal-Peloponniżi), Souda (Chania), Rethymno, Heraklion (kollegamenti tal-laneċ maċ-Ċikladi), Agios Nikolaos u Sitia (kollegament mad-Dodekaniżi).
Il-biċċa l-kbira ta' Kreta hija moqdija b'network ta' toroq. Attwalment awtostrada moderna qed tiġi mmodernizzata tul il-kosta tat-Tramuntana li tikkollega l-erba' bliet ewlenin (l-Awtostrada 90), is-sezzjonijiet li jevitaw il-bliet prinċipali (Heraklion sa Malia, Rethymno, Chania sa Kolymvari) huma skont l-istandard tal-awtostradi, filwaqt li s-sezzjonijiet bejniethom, u fil-Punent ta' Kissamos u fil-Lvant ta' Sitia, għandhom jitlestew sal-2028. Kollegament se jintużaw ukoll sal-ajruport internazzjonali l-ġdid ta' Kasteli.
Barra minn hekk, studju tal-Unjoni Ewropea ntuża għall-promozzjoni ta' awtostrada moderna biex tikkollega l-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-gżira permezz ta' mina. L-istudju jinkludi sezzjoni ta' 15.7-il kilometru (9.8 mili) ta' toroq bejn il-villaġġi ta' Agia Varvara u ta' Agia Deka fi Kreta ċentrali. Is-sezzjoni l-ġdid tat-triq tifforma parti mir-rotta bejn Messara fin-Nofsinhar u l-ikbar belt ta' Kreta, Heraklion, li tospita l-ikbar ajruport tal-gżira u kollegamenti tal-laneċ mal-art kontinentali tal-Greċja.
Barra minn hekk, matul is-snin 30 tas-seklu 20 kien hemm linja ferrovjarja industrijali b'gejġ dejjaq f'Heraklion, minn Giofyros fin-naħa tal-Punent tal-belt sal-port. Issa ma hemm l-ebda linja ferrovjarja fi Kreta. Il-gvern qed jippjana l-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja minn Chania sa Heraklion li tgħaddi minn Rethymno.
Is-settur tal-kostruzzjoni fi Kreta ma ntlaqatx ħażin matul il-pandemija tal-COVID-19 u ħa rankatura tajba fil-perjodu ta' rkupru ta' wara r-reċessjoni. L-infiq totali tal-kostruzjoni rkupra u huwa mistenni jilħaq livell għoli rekord (madwar 8 % ogħla mil-livelli medji tal-2019), li jindika tkabbir konsistenti fil-proġetti tal-kostruzzjoni u fl-investimenti fil-proprjetà immobbli fi Kreta. L-evoluzzjoni tas-settur privat fi Kreta huwa marbut mill-qrib mad-domanda għall-investimenti marbuta mat-turiżmu. Barra minn hekk, l-irkupru tat-turiżmu mistenni jwassal iktar tkabbir fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u fid-domanda għall-kirjiet.
Il-gazzetti rrapportaw li l-Ministeru għas-Settur Marittimu Merkantili jinsab lest li jappoġġa l-ftehim bejn il-Greċja, il-Korea t'Isfel, il-Portijiet ta'Dubai u ċ-Ċina għall-kostruzzjoni ta' port internazzjonali kbir tal-kontejners u żona ta' kummerċ ħieles fin-Nofsinhar ta' Kreta qrib Tympaki; il-pjan hu li jiġu esproprjati 850 ettaru (2,100 akru) ta' artijiet. Il-port kapaċi jiflaħ għal żewġ miljun kontejner fis-sena, iżda l-proġett ma ntlaqax b'mod universali minħabba l-impatt ambjentali, ekonomiku u kulturali tiegħu. Minn Jannar 2013, il-proġett għadu ma ġiex ikkonfermat, għalkemm qed tiżdied il-pressjoni biex jiġi approvat, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-Greċja.
Hemm pjanijiet għal kejbils taħt l-ilma mill-art kontinentali tal-Greċja saIżrael u l-Eġittu, billi jgħaddu minn Kreta u Ċipru: l-Interkonnettur Ewro-Afrikan u l-Interkonnettur Ewro-Asjatiku. Dawn ikollhom l-għan li jikkollegaw lil Kreta elettrikament mal-art kontinentali tal-Greċja, u b'hekk itemmu l-iżolament enerġetiku ta' Kreta. Attwalment il-Greċja tkopri d-differenza fil-kostijiet tal-elettriku għal Kreta ta' madwar €300 miljun fis-sena.
Fil-perjodi aħħarin tan-Neolitiku u ta' Żmien il-Bronż, taħt it-tmexxija tal-Minoani, Kreta kellha ċivilizzazzjoni żviluppata u litterata ferm. Sfat taħt it-tmexxija ta' diversi entitajiet tal-Greċja antika, l-Imperu Ruman, l-Imperu Biżantin, l-Emirat ta' Kreta, ir-Repubblika ta' Venezja u l-Imperu Ottoman. Wara perjodu qasir ta' indipendenza (1897–1913) taħt gvern proviżorju ta' Kreta, ingħaqdet mar-Renju tal-Greċja. Ġiet okkupata mill-ĠermanjaNażista matulit-Tieni Gwerra Dinjija.
L-għodod tal-ġebel jissuġġerixxu li l-antenati tal-bniedem żaru l-gżira ta' Kreta saħansitra 130,000 sena ilu, iżda ma hemm l-ebda evidenza ta' insedjament permanenti fuq il-gżira san-Neolitiku, għall-ħabta tas-7,000 Q.K. L-insedjamenti li jmorru lura għan-Neolitiku ta' qabel il-bċejjeċ taċ-ċeramika fis-seba millenju Q.K., kienu jrabbu l-bhejjem, in-nagħaġ, il-mogħoż, il-ħnieżer u l-klieb, u kienu jkunu jistgħu jkabbru wkoll iċ-ċereali u l-legumi; fi Knossos tal-qedem kien hemm wieħed mis-siti Neolitiċi ewlenin (imbagħad tal-Minoani). Insedjamenti Neolitiċi oħra jinkludu dawk ta' Kephala, Magasa u Trapeza.
Matul Żmien il-Bronż, Kreta kienet iċ-ċentru taċ-ċivilizzazzjoni Minoana, magħrufa għall-arti tagħha, is-sistemi tal-kitba tagħha bħal-Lineari A, u għall-kumplessi enormi tal-bini, inkluż il-Palazz ta' Knossos. L-ekonomija tagħha gawdiet minn network kummerċjali madwar il-biċċa l-kbira tal-Mediterran, u l-influwenza kulturali Minoana kienet estiża sa Ċipru, Canaan u l-Eġittu. Xi studjużi spekulaw li leġġendi bħal dik tal-minotawru għandhom bażi storika għal żmien il-Minoani.
Fl-1420 Q.K., iċ-ċivilizzazzjoni Minoana ġiet sostitwita miċ-ċivilizzazzjoni ta' Mycenae mill-art kontinentali tal-Greċja. L-eqdem kampjuni ta' kitba bil-lingwa Griega, kif identifikati minnMichael Ventris, huma l-arkivju tal-Lineari B minn Knossos, li jmorru lura għall-ħabta tal-1425–1375 Q.K.
Wara tmiem Żmien il-Bronż, Kreta ġiet insedjata minn mewġiet ġodda ta' Griegi mill-art kontinentali. Għadd ta' bliet-stati żviluppaw fil-perjodu Arkajku. Kien hemm kuntatt limitat mal-art kontinentali Griega, u l-istorjografija Griega ma turix wisq interess fi Kreta, u fil-fatt ma tantx hemm sorsi letterarji.
Matul is-sekli 6 sa 4 Q.K., Kreta min-naħa l-oħra kienet ħielsa għalkollox mill-gwerer. Il-kodiċi ta' Gortyn (is-seklu 5 Q.K.) huwa evidenza ta' kif id-dritt ċivili kkodifikat stabbilixxa bilanċ bejn is-setgħa aristokratika u d-drittijiet ċivili.
Fl-aħħar tas-seklu 4 Q.K., l-ordni aristokratiku beda jisfaxxa minħabba l-ġlied endemiku fost l-elit, u l-ekonomija ta' Kreta ddgħajfet minn gwerer twal bejn il-bliet-stati. Matul is-seklu 3 Q.K., Gortyn, Kydonia (Chania), Lyttos U Polyrrhenia sfidaw il-primazija ta' Knossos tal-qedem.
Filwaqt li l-bliet baqgħu jissieltu kontra xulxin, ġew mistiedna fil-familji fewdali tagħhom setgħat tal-art kontinentali bħalMaċedon u r-rivali tagħhaRodi u l-Eġittu taħt it-tmexxija tat-Tolomej. Fil-220 Q.K. il-gżira ġiet ittormentata minn gwerra bejn żewġ koalizzjonijiet rivali tal-bliet. B'hekk, ir-re MaċedonuFilippu V kiseb l-eġemonija fuq Kreta li damet sal-aħħar tal-Gwerra ta' Kreta (205–200 Q.K.), meta ċ-ċittadini ta' Rodi opponew it-tlugħ ta' Maċedon u r-Rumani bdew jindaħlu fl-affarijiet ta' Kreta.
Fis-seklu 2 Q.K., Ierapytna (Ierapetra) kisbet is-supremazija fil-Lvant ta' Kreta.
Kreta kienet involuta fil-Gwerer Mithridatiċi, u inizjalment irreżistiet attakk mill-Ġeneral Ruman Marcus Antonius Creticus fil-71 Q.K. Minkejja dan, wara saret kampanja militari feroċi ta' tliet snin taħt Quintus Caecilius Metellus, mgħammar bi tliet leġjuni. Kreta nħakmet minn Ruma fid-69 Q.K., u b'hekk Metellus ingħata t-titlu ta' "Creticus". Gortyn saret il-belt kapitali tal-gżira, u Kreta saret provinċja Rumana, flimkien maċ-Ċirenajka, u din issejħetCreta et Cyrenaica. Il-fdalijietarkeoloġiċi jissuġġerixxu li Kreta taħt it-tmexxija Rumana gawdiet minn prosperità u iktar konnettività ma' partijiet oħra tal-imperu. Fis-seklu 2W.K., mill-inqas tlett ibliet fi Kreta (Lyttos, Gortyn, Hierapytna) ingħaqdu fil-Panhellenion, grupp ta' bliet Griegi stabbiliti mill-imperaturAdrijanu. MetaDijoklezjanu reġa' qasam l-imperu, Kreta tpoġġiet flimkien ma'Cyrene fid-djoċesi ta' Moesia, u iktar 'il quddiem tpoġġiet minnKostantinu I fid-djoċesi tal-Maċedonja.
Kreta ġiet isseparata miċ-Ċirenajka għall-ħabta tal-297. Baqgħet provinċja fi ħdan in-nofs tal-Lvant tal-Imperu Ruman, spiss magħruf bħala l-Imperu Ruman tal-Lvant (Biżantin), wara l-istabbiliment tat-tieni belt kapitali f'Kostantinopli minn Kostantinu fit-330. Kreta ġiet soġġetta għal attakk mill-Vandali fl-467, għat-terremoti kbar tat-365 u tal-415, għal attakk mis-Slavi fis-623, għal attakki mill-Għarab fis-654 u fis-snin 70 tas-seklu 7, u mill-ġdid fis-seklu 8. Għall-ħabta tas-732, l-imperaturLjun III l-Isawrjan ittrasferixxa l-gżira mill-ġurisdizzjoni tal-Papa għal dik tal-Patriarkat ta' Kostantinopli.
Fis-snin 20 tas-seklu 9, wara 900 sena bħala gżira Rumana, Kreta nħatfet mill-Muwallad tal-Andalusija mmexxija minnAbu Hafs, li stabbilixxa l-Emirat ta' Kreta. Il-Biżantini varaw kampanja militari li permezz tagħha kisbu l-biċċa l-kbira tal-gżira lura fit-842 u fit-843 taħt Theoktistos. Kampanji militari Biżantini oħra fid-911 u fid-949 ma kellhomx suċċess. Fid-960–961, il-kampanja militari ta'Nikephoros Phokas reġgħet daħħlet lil Kreta fl-Imperu Biżantin, wara seklu u nofs ta' kontroll Għarbi.
Fid-961, Nikephoros Phokas reġa' stabbilixxa t-tmexxija Biżantina fuq il-gżira wara li keċċa lill-Għarab. Saru sforzi estensivi ta' konverżjoni tal-popolin, immexxija minn Ġwanni Xenos u Nikon "il-Metanoeit". Il-ħakma mill-ġdid ta' Kreta kienet kisba ewlenija għall-Biżantini, għaliex stabbiliet mill-ġdid il-kontroll Biżantin fuq ix-xtut tal-Eġew u naqqset it-theddida tal-pirati Saraċeni, li għalihom Kreta kienet serviet bħala bażi għall-operat tagħhom.
Fl-1204, ir-Raba'Kruċjata wasslet għall-ħtif u għas-serq tar-rikkezzi tal-kapitali imperjali ta' Kostantinopli. Inizjalment Kreta ngħatat lill-ġellied ewlieni tal-KruċjatiBonifazju ta' Montferrat meta nqasmu t-territorji mirbuħa. Madankollu, Bonifazju bigħ il-jedd tiegħu lir-Repubblika ta'Venezja, li l-qawwiet tagħha kienu jiffurmaw il-maġġoranza tal-Kruċjata. Ir-rivali ta' Venezja, ir-Repubblika ta'Ġenova, ħatfet il-gżira minnufih u Venezja ma rnexxilhiex tikseb il-kontroll ta' Kreta bħala kolonja qabel l-1212.
Mill-1212, matul it-tmexxija Venezjana, li damet għal iktar minn erba' sekli, kien hemmRinaxximent fil-gżira kif joħroġ fid-dieher mix-xogħlijiet artistiċi ta' dak iż-żmien. Magħrufa bħala l-Iskola ta' Kreta jew l-Arti Post-Biżantina, din kienet fost l-aħħar rimjiet tat-tradizzjonijiet artistiċi tal-imperu. Din kienet tinkludi lill-pitturEl Greco u lill-kittiebaNicholas Kalliakis (1645–1707),Georgios Kalafatis (professur għall-ħabta tal-1652–1720),Andreas Musalus (għall-ħabta tal-1665–1721) uVitsentzos Kornaros.
Taħt it-tmexxija tal-VenezjaniKattoliċi, il-belt ta' Candia kienet rinomata bħala l-aqwa belt iffortifikata tal-Lvant tal-Mediterran. It-tliet fortijiet prinċipali kienu jinsabu f'Gramvousa, fi Spinalonga u f'Fortezza f'Rethymnon. Fortifikazzjonijiet oħra jinkludu l-fortizza ta' Kazarma f'Sitia u Frangokastello fi Sfakia.
Fl-1492, il-Lhud imkeċċija minnSpanja marru jgħixu fil-gżira. Fl-1574–1577, Kreta kienet taħt it-tmexxija ta'Giacomo Foscarini bħala Provveditur Ġenerali, Sindku u Inkwiżitur. Skont l-artiklu tal-1942 ta' Starr, it-tmexxija ta' Giacomo Foscarini kien żmien ikrah għal-Lhud u għall-Griegi. Taħt it-tmexxija tiegħu, dawk li ma kinux Kattoliċi kellhom iħallsu taxxi għoljin u ma jingħatawx għotjiet finanzjarji. Fl-1627 kien hemm 800 Lhudi fil-belt ta' Candia, madwar seba' fil-mija tal-popolazzjoni tal-belt.Marco Foscarini kien id-Doge ta' Venezja matul dan iż-żmien.
L-Ottomani ħakmu lil Kreta (Girit Eyâleti) fl-1669, wara l-assedju ta' Candia. Bosta ċittadini Griegi ta' Kreta ħarbu lejn reġjuni oħra tar-Repubblika ta' Venezja wara l-Gwerer bejn l-Ottomani u l-Venezjani, u wħud saħansitra marru tajjeb bħall-familja ta'Simone Stratigo (għall-ħabta tal-1733–1824) li mar jgħix fid-Dalmazja minn Kreta fl-1669.
Il-preżenzaIżlamika fuq il-gżira, apparti mill-perjodu qasir tal-okkupazzjoni tal-Għarab, issaħħet mill-ħakma Ottomana. Il-biċċa l-kbira tal-Musulmani minn Kreta kienu kkonvertiti Griegi lokali li kien jitkellmu bil-Grieg ta' Kreta, iżda skont il-kuntest politiku tal-19 fil-gżira, dawn kienu meqjusa bħalaTorok mill-popolazzjoniKristjana. L-istimi kontemporanji jvarjaw, iżda lejliet il-Gwerra tal-Indipendenza Griega (1830), saħansitra 45 % tal-popolazzjoni tal-gżira jaf kienu Musulmani. Għadd ta' ordnijiet Sufisti kienu mifruxa mal-gżira kollha, lu -ordni ta' Bektashi kienu l-iżjed prevalenti, b'mill-inqas ħamestekkes. Bosta Torok ta' Kreta ħarbu minn Kreta minħabba l-irvellijiet, u marru jgħixu fit-Turkija, f'Rodi, fis-Sirja, fil-Libja u f'inħawi oħra. Sal-1900, 11 % tal-gżira kienu Musulmani. Dawk li kien fadal ġew rilokati fl-iskambju tal-popolazzjoni tal-1924 bejn il-Greċja u t-Turkija.
Matul l-Għid tal-1770, inbeda rivolta kontra t-tmexxija Ottomana fi Kreta li nbdiet mill-flotta ta' Orlov li qatt ma waslet għad-destinazzhjoni tagħha. Daskalogiannis eventwalment ċeda lill-awtoritajiet Ottomani.
Matul il-gwerra Griega għall-indipendenza, is-SultanMahmud II għadda t-tmexxija ta' Kreta f'idejn il-mexxej tal-EġittuMuhammad Ali Pasha bi skambju għall-appoġġ militari tiegħu. Sussegwentement Kreta tħalliet barra l-istat Grieg il-ġdid li ġie stabbilit skont il-Protokoll ta' Londra tal-1830. L-amministrazzjoni tagħha f'idejn Muhammad Ali ġiet ikkonfermata fil-Konvenzjoni ta' Kütahya tal-1833, iżda t-tmexxija Ottomana diretta ġiet stabbilita mill-ġdid mill-Konvenzjoni ta' Londra tat-3 ta' Lulju 1840.
Heraklion kienet imdawra bi swar u b'bastjuni għoljin u sas-seklu 17 ġiet estiża lejn il-Punent u lejn in-Nofsinhar. L-iżjed żona lussuża tal-belt kienet in-naħa tal-Grigal fejn kien ikun hemm l-elit. Il-belt kienet ingħatat isem ieħor taħt it-tmexxija tal-Ottomani, "il-belt vojta". Il-politika urbana li l-Ottomani applikaw għal Candia kienet maqsuma fi tnejn. L-ewwel approċċ kien dak tal-għotjiet reliġjużi. B'hekk l-elit Ottomani kellhom jikkontribwixxu għall-kostruzzjoni u għar-riabilitazzjoni tal-belt irvinata. L-approċċ l-ieħor kien li tiżdied il-popolazzjoni u li jiżdied id-dħul urban permezz tal-bejgħ tal-proprjetajiet urbani. SkontMolly Greene (2001) kien hemm bosta rekords ta' tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli matul it-tmexxija Ottomana. Fil-belt vojta, il-minoranzi ngħataw drittijiet ugwali fix-xiri tal-proprjetà. Il-Kristjani u l-Lhud ukoll setgħu jixtru u jbigħu fis-suq tal-proprjetà immobbli.
Ir-Rewwixta ta' Kreta tal-1866–1869 jew ir-Rivoluzzjoni l-Kbira ta' Kreta (bil-Grieg: Κρητική Επανάσταση του 1866) kienet rewwixta ta' tliet snin kontra t-tmexxija Ottomana, it-tielet u l-ikbar f'sensiela ta' rewwixti bejn l-aħħar tal-Gwerra Griega tal-Indipendenza fl-1830 u l-istabbiliment tal-Istat indipendenti ta' Kreta fl-1898. Avveniment partikolari li kkawża reazzjonijiet kbar fost il-gruppi liberali tal-Punent tal-Ewropa kien l-Olokawst ta'Arkadi. L-avveniment seħħ f'Novembru 1866, meta qawwa Ottomana kbira assedjat il-Monasteru ta' Arkadi, li kien jintuża bħala l-kwartieri ġenerali tar-rewwixta. Minbarra l-259 difensur tiegħu, fil-monasteru fittxew il-kenn iktar minn 700 mara, tifel u tifla. Wara ftit jiem ta' ġlied bla heda, l-Ottomani daħħlu fil-monasteru. F'dak il-mument, il-patri superjuri tal-monasteru ta n-nar lill-porvli maħżuna fi ħdan il-monasteru, u kkawża l-mewt tal-biċċa l-kbira tar-ribelli u tan-nisa u tat-tfal li kien hemm fih.
Wara d-diversi rewwixti fl-1841, fl-1858, fl-1889, fl-1895 u fl-1897 miċ-ċittadini ta' Kreta, li riedu jingħaqdu mal-Greċja, is-Setgħat il-Kbar iddeċidew li jerġgħu jistabbilixxu l-ordni u fi Frar 1897 bagħtu t-truppi. Sussegwentement il-gżira kellha gwarniġjon bit-truppi mir-Renju Unit, minn Franza, mill-Italja u mir-Russja; il-Ġermanja u l-Awstrija-l-Ungerija rtiraw mill-okkupazzjoni fil-bidu tal-1898. Matul dan il-perjodu, Kreta kienet immexxija minn kumitat ta' ammiralli mill-erba' Setgħat l-oħra. F'Marzu 1898, is-Setgħat ħarġu digriet, bil-kunsens kawt tas-Sultan, li l-gżira kellha tingħata l-awtonomija taħt it-tmexxija Ottomana fil-futur qarib.
F'Settembru 1898, il-massakru ta' Candia f'Candia, illum il-ġurnata Heraklion, ħalla iktar minn 500 Kristjan ta' Kreta u 14-il uffiċjal tas-servizz Brittaniku mejta minħabba attakki ta' immigranti irregolari Musulmani. B'hekk, l-Ammiralli ordnaw it-tkeċċija tat-truppi u tal-amministraturi Ottomani kollha mill-gżira, mossa li fl-aħħar mill-aħħar tlestiet għalkollox sal-bidu ta' Novembru. Id-deċiżjoni li tingħata l-awtonomija lill-gżira ġiet infurzata u nħatar Kummissarju Għoli, il-Prinċep Ġorġ tal-Greċja, u ħa l-kariga tiegħu f'Diċembru 1898. Il-bandiera tal-Istat ta' Kreta ntgħażlet mis-Setgħat, u l-istilla l-bajda tirrappreżenta t-tmexxija Ottomana fuq il-gżira.
Fl-1905, diżgwidi bejn il-Prinċep Ġorġ u l-MinistruEleftherios Venizelos dwar il-kwistjoni tal-enosis (l-unjoni mal-Greċja), bħall-istil awtokratiku ta' tmexxija tal-Prinċep, irriżultaw fir-rewwixta ta' Theriso, u wieħed mill-mexxejja kien Eleftherios Venizelos.
Il-Prinċep Ġorġ irriżenja minn Kummissarju Għoli u ġie sostitwit minn Alexandros Zaimis, eks Prim Ministru Grieg, fl-1906. Fl-1908, wara li ħadu vantaġġ minn taqbid domestiku fit-Turkija kif ukoll minn żjara ta' Zaimis lil hinn mill-gżira, id-deputati ta' Kreta b'mod unilaterali ddikjaraw l-unjoni mal-Greċja.
Meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra tal-Balkani, il-gvern Grieg iddikjara li Kreta kienet saret territorju Grieg, iżda dan ma ġiex irrikonoxxut internazzjonalment qabel l-1 ta' Diċembru 1913.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fil-gżira seħħet il-Battalja ta' Kreta f'Mejju 1941. Il-battalja inizjali ta' 11-il jum kienet waħda mdemmija u fiha nqatlu jew indarbu iktar minn 11,000 suldat u ċittadini ċivili. Bħala riżultat tar-reżistenza qalila kemm mill-forzi Alleati kif ukoll miċ-ċittadini lokali ta' Kreta, il-forza tal-invażuri ġarrbet ħafna mwiet, uAdolf Hitler ipprojbixxa li jsiru iktar operazzjonijiet fuq skala kbira bil-paratruppi għall-bqija tal-gwerra.
Matul l-okkupazzjoni inizjali u sussegwenti, l-iskwadri tat-tiraturi Ġermaniżi b'mod regolari ġustizzjaw liċ-ċittadini maskili bħala tpattija għall-mewt tas-suldati Ġermaniżi; iċ-ċittadini ċivili kienu jinġabru għal għarrieda fil-villaġġi lokali għall-qtil tal-massa, bħal fil-każ tal-Massakru ta' Kondomari u l-massakri ta' Viannos. Żewġ ġenerali Ġermaniżi iktar 'il quddiem għaddew ġuri u ġew ġustizzjati għar-rwoli tagħhom fil-qtil ta' 3,000 abitant tal-gżira.
Wara l-waqgħa tal-fronti f'postijiet oħra fl-Ewropa, il-forzi Ġermaniżi evakwaw il-biċċa l-kbira ta' Kreta f'Ottubru 1944 u ħallew żona li tinkludi lil Chania taħt okkupazzjoni. Is-sena ta' wara, l-għada ta' Jum VE, il-kumplament tal-Ġermaniżi taħt il-Ġeneral-MaġġurHans-Georg Benthack arrendew fi Knossos kontra l-Ġeneral-Maġġur BrittanikuColin Callander.
Wara d-Dekemvriana f'Ateni, ix-Xellugin ta' Kreta sfaw fil-mira tal-organizzazzjoni paramilitari tal-Lemin, l-Organizzazzjoni Nazzjonali ta' Rethymno (EOR), li wettqet attakki fil-villaġġi ta' Koxare u ta' Melampes, kif ukoll ta' Rethymno f'Jannar 1945. Dawk l-attakki ma wasslux għal insorġenza fuq skala kbira kif kien il-każ fl-art kontinentali Griega u l-ELAS ta' Kreta ma ċediex l-armi wara t-Trattat ta' Varkiza. Tregwa fraġli nżammet sal-1947, b'sensiela ta' arresti ta' Komunisti notevoli f'Chania u f'Heraklion. Imħeġġa minn ordnijiet mill-organizzazzjoni ċentrali f'Ateni, il-KKE vara insorġenza fi Kreta u dan immarka l-bidu tal-Gwerra Ċivili Griega fil-gżira. Fil-Lvant ta' Kreta, l-Armata Demokratika tal-Greċja (DSE) tħabtet biex tistabbilixxi l-preżenza tagħha f'Dikti u f'Psilorites. Fl-1 ta' Lulju 1947, il-55 ġellied tad-DSE li baqgħu ħajjin ġew attakkati fin-Nofsinhar ta' Psilorites, u l-ftit membri tal-unità li baqgħu ħajjin irnexxielhom jingħaqdu mal-kumplament tad-DSE f'Lefka Ori.
Ir-reġjun ta' Lefka Ori fil-Punent kien joffri kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-insorġenza tad-DSE. Fis-sajf tal-1947 id-DSE attakkat u serqet l-Ajruport ta' Maleme u l-venda ta' Chrysopigi u b'kollox baqgħet b'madwar 300 ġellied. Iż-żieda fl-għadd ta' ġellieda tad-DSE flimkien mal-falliment tal-ħsad tal-għelejjel fil-gżira ħolqu problemi loġistiċi serji għall-insorġenti. Il-Komunisti bdew jaħtfu l-bhejjem u jikkonfiskaw l-għelejjel, u b'hekk solvew il-problema temporanjament. Fil-ħarifa tal-1947, il-gvern Grieg offra amnestija ġeneruża lill-ġellieda tal-muntanji u tad-DSE ta' Kreta, u bosta minnhom għażlu li jabbandunaw il-ġlied armat jew imorru man-nazzjonalisti. Fl-4 ta' Lulju 1948, it-truppi tal-gvern nedew offensiva fuq skala kbira fil-Fondoq ta' Samarià.
Bosta suldati tad-DSE nqatlu fil-ġlied filwaqt li dawk li baqgħu ħajjin tkissru f'gruppi armati żgħar. F'Ottubru 1948, is-segretarju tal-KKE ta' KretaGiorgos Tsitilos inqatel f'attakk. Sax-xahar ta' wara, 34 ġellied tad-DSE biss baqgħu attivi f'Lefka Ori. L-insorġenza f'Kreta gradwalment spiċċat fix-xejn, u l-aħħar żewġ gruppi arrendew fl-1974, 25 sena wara tmiem il-gwerra fl-art kontinentali Griega.