Edinburgu (pronunzja bl-Ingliż: /ˈɛdɪnbərə/[1][2][3]; bl-Ingliż u bl-Iskoċċiż:Edinburgh; bil-Gaeliku Skoċċiż:Dùn Èideann [ˈt̪uːn ˈeːtʲən̪ˠ]) hija l-belt kapitali tal-Iskozja u waħda mit-32 żona tal-kunsilli tagħha. Storikament kienet parti mill-kontea ta' Midlothian (b'mod interkambjabblii Edinburghshire qabel l-1921)[4], u tinsab f'Lothian fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Firth of Forth. Edinburgu hija t-tieni l-iktar belt popolata fl-Iskozja u s-sbatax-il belt l-iktar popolata fir-Renju Unit.
Rikonoxxuta bħala l-kapitali tal-Iskozja mill-inqas mis-seklu 15, Edinburgu hija s-sede tal-Gvern Skoċċiż, tal-Parlament Skoċċiż u tal-ogħla qrati fl-Iskozja. Il-Palazz ta' Holyroodhouse fil-belt huwa r-residenza uffiċjali tal-monarka tal-Iskozja. Il-belt ilha ċentru tal-edukazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-mediċina, il-liġi Skoċċiża, il-letteratura, il-filosofija, ix-xjenzi u l-inġinerija. Hija t-tieni l-ikbar ċentru finanzjarju fir-Renju Unit, u l-attrazzjonijietstoriċi ukulturali tal-belt wassluha biex tkun it-tieni l-iktar destinazzjoni fir-Renju Unit li jżuruha t-turisti. Fl-2018 attirat madwar 4.9 miljun turist, inkluż 2.4 miljun minn pajjiżi 'l barra mir-Renju Unit.[5][6]
Is-Sala tal-Kirurgi hija waħda mill-binjiet li wasslu biex Edinburgu ssir magħrufa bil-laqam ta' "Ateni tat-Tramuntana".
Huwa stmat li l-popolazzjoni uffiċjali ta' Edinburgu hija ta' 488,050 ruħ (lejn nofs l-2016) għal-lokalità ta' Edinburgu[7], 518,500 ruħ (lejn nofs l-2019) għaż-żona tal-kunsill tal-Belt ta' Edinburgu[8], u 1,339,380 ruħ (fl-2014) għar-reġjun usa' tal-belt.[9] Edinburgu tinsab fil-qalba tar-reġjun tal-belt ta' Edinburgu u tax-Xlokk tal-Iskozja li jinkludi l-Lvant ta' Lothian, Edinburgu, Fife, Midlothian, il-Fruntieri Skoċċiżi u l-Punent ta' Lothian.[10]
Kull sena fil-belt issir l-Assemblea Ġenerali tal-Knisja tal-Iskozja. Tospita istituzzjonijiet kulturali nazzjonali bħall-Mużew Nazzjonali tal-Iskozja, il-Librerija Nazzjonali u l-Gallerija Nazzjonali Skoċċiża. L-Università ta' Edinburgu, li ġiet stabbilita fl-1582 u issa waħda minn tlieta fil-belt, hija kklassifikata fis-16-il post fil-Klassifiki Universitarji Dinjin tal-QS għall-2022.[11] Il-belt hija magħrufa wkoll għall-Festival Internazzjonali Annwali ta' Edinburgu, il-Military Tatoo Annwali tal-Forzi Armati u The Fringe. Dan tal-aħħar huwa l-ikbar festival internazzjonali annwali tal-arti fid-dinja. Fost is-siti storiċi f'Edinburgu hemm il-Kastell ta' Edinburgu, il-Palazz ta' Holyroodhouse, il-knejjes ta' St. Giles, Greyfriars u Canongate, u r-Raħal il-Ġdid Ġorġjan li nbena fis-sekli 18-19. Iċ-ċentru storiku u r-raħal il-ġdid ta' Edinburgu[12] flimkien huma mniżżla fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[13]
"Edin", l-għerq tal-isem tal-belt, joriġina minnEidyn, l-isem tar-reġjun bil-Kumbrijan, il-lingwa Ċeltika Brittonika li kienet tiġi mitkellma hemmhekk. It-tifsira tal-isem mhijiex magħrufa. Id-distrett ta' Eidyn kien iċċentrat fuq il-fortizza ta' Din Eidyn, il-forti fl-għolja ta' Eidyn.[14] Din il-fortizza jingħad li kienet tinsab fuq il-Blata tal-Kastell, li issa hija s-sit tal-Kastell ta' Edinburgu. Eidyn ġiet maħkuma mill-Angoli ta' Bernicia fis-seklu 7 u iktar 'il quddiem ġiet okkupata mill-Iskoċċiżi fis-seklu 10.[15] Peress li l-lingwa nbidlet għall-Ingliż Antik ta' Northumbria, li evolva fl-Iskoċċiż, il-kelma Brittonikadin f'Din Eidyn ġiet sostitwita b'burh, u ġiet prodotta l-kelmaEdinburgu. B'mod simili,din saretdùn fil-Gaeliku Skoċċiż, u ġiet prodottaDùn Èideann.[16]
Is-Siġġu ta' Arturu fl-isfond ta' Edinburgu, wieħed mill-eqdem siti fejn instabu traċċi ta' abitazzjoni umana fiż-żona.
L-iktar insedjament uman bikri magħruf fiż-żona ta' Edinburgu kien f'Cramond, fejn instabet evidenza ta' sit Mesolitiku datat għall-ħabta ta' 8500Q.K.[17] Instabu wkoll traċċi ta' insedjamenti ta' Żmien il-Bronż u ta' Żmien il-Ħadid fejn il-Blata tal-Kastell (bl-Ingliż: Castle Rock), is-Siġġu ta' Arturu (bl-Ingliż: Arthur's Seat), l-Għolja ta' Craiglockhart u l-Għoljiet ta' Pentland.[18]
Meta r-Rumani waslu f'Lothian fl-aħħar tal-ewwel seklu W.K., sabu tribù Ċeltika Brittonika li rreġistraw fid-dokumenti antiki bħala l-Votadini.[19] Il-Votadini baqgħu fi tranżizzjoni fi ħdan ir-renju ta'Gododdin fil-Medju Evu Bikri, u Eidyn kienet isservi bħala wieħed mid-distretti tar-renju. Matul dan il-perjodu, is-sit tal-Blata tal-Kastell, li hu maħsub li kien il-fortizza ta' Din Eidyn, feġġ bħala ċ-ċentru maġġuri tar-renju.[20] Il-poeżija MedjevaliY Gododdin tiddeskrivi gwerra fejn inġemgħu bosta nies mid-dinja Brittonika f'Eidyn qabel assedju; dan jista' jkun li jiddeskrivi avveniment storiku li seħħ għall-ħabta tas-600 W.K.
Fis-638, il-fortizza ta' Gododdin ġiet assedjata minn forzi li kienu leali għar-ReOswald ta' Northumbria, u lejn dak iż-żmien, il-kontroll ta' Lothian għadda f'idejn l-Angoli. L-influwenza tagħhom kompliet għat-tliet sekli ta' wara sa madwar id-950, meta, matul ir-renju ta'Indulf, ibenKostantinu II, il-"burh" (fortizza), li ssemmiet fil-Ġrajja tal-Pitti tas-seklu 10 bħalaoppidum Eden, ġie abbandunat mill-Iskoċċiżi. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, baqa' taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.
Il-fortizza rjali ġiet stabbilita mir-ReDavid I fil-bidu tas-seklu 12 fuq art ta' sjieda tal-Kuruna, għalkemm id-data preċiża mhijiex magħrufa. L-ewwel evidenza dokumentarja tal-fortizza Medjevali hija dokument irjali tal-ħabta tal-1124-1127, fejn ir-Re David I jagħti biċċa art fil-burgo meo de Edenesburg lill-Pirjol ta' Dunfermline. F'nofs is-seklu 14, il-kronista FranċiżJean Froissart iddeskriviha bħala l-kapitali tal-Iskozja (madwar l-1365), uĠakbu III (1451-1488) irrefera għaliha fis-seklu 15 bħala "l-fortizza prinċipali tar-renju tagħna". Minkejja l-qerda kkawżata mill-assedju Ingliż fl-1544, ir-raħal bil-mod il-mod irkupra, u kien fil-qalba tal-avvenimenti storiċi fir-Riformazzjoni Skoċċiża tas-seklu 16 u l-Gwerer tal-Patt tas-seklu 17.
Fl-1603, ir-ReĠakbu VI tal-Iskozja kien is-suċċessur fuq it-tron Ingliż, u għaqqad il-kuruni tal-Iskozja u tal-Ingilterra f'unjoni personali magħrufa bħala l-Unjoni tal-Kuruni, għalkemm l-Iskozja baqgħet renju separat, fl-aspett l-oħra kollha. Fl-1638, ir-ReKarlu I pprova jdaħħal forom tal-Knisja Anglikana fl-Iskozja u ntlaqa' minn oppożizzjoni qalila mill-Presbiteri li laħqet il-qofol tagħha fil-kunflitti tal-Gwerer tat-Tliet Renji. L-appoġġ Skoċċiż sussegwenti biexCharles Stuart jerġa' jitqiegħed fuq it-tron tal-Ingilterra rriżultaw fl-okkupazzjoni ta' Edinburgu mill-forzi tal-Commonwealth tal-Ingilterra ta'Oliver Cromwell – l-Armata tal-Mudell il-Ġdid – fl-1650.
Fis-seklu 17, il-konfini ta' Edinburgu kienu għadhom definiti mis-swar difensivi tal-belt. B'riżultat ta' dan, il-popolazzjoni dejjem tikber tal-belt ġiet moqdija billi żdied l-għoli tal-binjiet residenzjali b'filati addizzjonali. Binjiet bi 11-il sular jew iktar kienu xi ħaġa komuni, u ġew deskritti bħala l-pijunieri tal-iskyscrapers moderni. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istrutturi antiki ġew sostitwiti bil-binjiet prevalentement Vittorjani li għad hemm sa llum fiċ-ċentru storiku jew il-Belt l-Antika. Fl-1611, att tal-Parlament ħoloq il-Kuntistabbli Għoljin ta' Edinburgu biex iżommu l-ordni fil-belt. Huwa maħsub li dawn x'aktarx huma l-eqdem forza statutorja tal-pulizija fid-dinja.
Pittura ta' Edinburgu bil-Katidral ta' San Giles fl-isfond fl-aħħar tas-seklu 18
Wara t-Trattat tal-Unjoni fl-1706, the Parlamenti tal-Ingilterra u tal-Iskozja għaddew l-Atti tal-Unjoni fl-1706 u fl-1707 rispettivament, u għaqdu ż-żewġ renji fir-Renju tal-Gran Brittanja effettivament mill-1 ta' Mejju 1707. B'konsegwenza ta' dan, il-Parlament tal-Iskozja sar ħaġa waħda mal-Parlament tal-Ingilterra biex jissawwar il-Parlament tal-Gran Brittanja, li kien jiltaqa' f'Westminster f'Londra. L-Unjoni ġiet opposta minn ħafna Skoċċiżi, u dan irriżulta f'irvelli fil-belt.
Sal-ewwel nofs tas-seklu 18, Edinburgu ġiet deskritta bħala waħda mill-iktar bliet b'popolazzjoni densa, iffullati u mhux iġjeniċi fl-Ewropa. Il-viżitaturi kien jistagħġbu mill-fatt li d-diversi klassijiet soċjali kienu jikkondividu l-istess spazju urban, u saħansitra jgħixu fl-istess binjiet xi kultant; għalkemm xorta kien hemm xi forma ta' segregazzjoni soċjali, fejn tal-ħwienet u n-negozjanti kienu jgħixu l-iktar fil-kantini jew fil-kmamar tal-bejt b'kera rħisa, filwaqt li l-klassijietprofessjonali iktar għonja kienu jgħixu fis-sulari tan-nofs li kienu jiswew l-iktar flus.
Matul ir-rewwixta Ġakobita tal-1745, Edinburgu għal żmien qasir kienet okkupata mill-"Armata tal-Highlands" Ġakobita qabel l-avvanzar tagħha fl-Ingilterra. Wara t-telfa eventwali li ġarrbet f'Culloden, kien hemm perjodu ta' alternanza bejn tpattijiet u ta' paċifikazzjoni, diretti l-iktar lejn il-klans ribellużi. F'Edinburgu, il-Kunsill tal-Belt, li kien ħerqan biex jemula lil Londra u jagħti bidu għat-titjib u għall-espansjoni tal-belt lejn it-Tramuntana tal-kastell, afferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu fl-Unjoni u l-lealtà lejn il-monarka ta'Hannover,Ġorġ III, permezz tal-għażla tal-ismijiet tat-toroq tar-Raħal il-Ġdid: pereżempju, Triq il-Ward (bl-Ingliż: Rose Street) u Triq ix-Xtieli Mxewkin (bl-Ingliż: Thistle Street); u għall-familja rjali, Triq Ġorġ (bl-Ingliż: George Street), Triq ir-Reġina (bl-Ingliż: Queen Street), Triq Hannover (bl-Ingliż: Hanover Street), Triq Federiku (bl-Ingliż: Frederick Street) u Triq il-Prinċpijiet (bl-Ingliż: Princes Street) bħala ġieħ għaż-żewġt itfal tar-Re Ġorġ.
Fit-tieni nofs tas-seklu, il-belt kienet fil-qalba tal-Illuminiżmu Skoċċiż, meta ħassieba bħalDavid Hume,Adam Smith,James Hutton uJoseph Black kienu persuni familjari fit-toroq tal-belt. Edinburgu saret ċentru intellettwali maġġuri, u b'hekk kienet magħrufa wkoll bil-laqam "Ateni tat-Tramuntana", minħabba l-bosta binjiet Neo-klassiċi tagħha u r-reputazzjoni li kellha għall-apprendiment u għat-tagħlim, li kienet tfakkar f'Ateni tal-qedem. Fir-rumanz tas-seklu 18The Expedition of Humphry Clinker (bil-Malti: L-Ispedizzjoni ta' Humphry Clinker) ta'Tobias Smollett, karattru jiddeskrivi lil Edinburgu bħala "art għammiela ta' ġenji". Edinburgu kienet ukoll ċentru maġġuri għall-bejgħ tal-kotba Skoċċiżi. Il-bejjiegħ tal-kotba ta' suċċess f'Londra,Andrew Millar, għamel apprendistat lilJames McEuen.
Mis-snin 70 tas-seklu 18 'il quddiem, il-klassijiet professjonali u tan-negozju ma baqgħux jgħixu fir-Raħal l-Antik u minflok marru jgħixu f'residenzi iktar eleganti għal "familja waħda" fir-Raħal il-Ġdid. Din kienet migrazzjoni li bidlet il-karattru soċjali tal-belt ta' taħt fuq. Skont l-ewwel storiku li kiteb dwar dan l-iżvilupp, "l-Unità tas-sentiment soċjali kienet wirt ta' valur kbir fir-Raħal l-Antik ta' Edinburgu, u l-fatt li għebet ġie mmaqdar sew".
Minkejja għajdut bla bażi li kien jgħid il-kontra ta' dan, Edinburgu saret ċentru industrijali bl-industriji tradizzjonali tagħha tal-istamperiji, tal-birreriji, u tad-distilleriji li baqgħu jikbru sas-seklu 19. Barra minn hekk, issieħbu industriji oħra bħall-produzzjoni tal-lastiku, l-inġinerija u oħrajn. Sal-1821, Edinburgu saret it-tieni l-iktar belt kbira fl-Iskozja waraGlasgow. Iċ-ċentru tal-belt bejn Triq il-Prinċpijiet u Triq Ġorġ saret distrett kummerċjali ewlieni u bil-ħwienet, żvilupp li ġie parzjalment xprunat mill-wasla tal-linji ferrovjarji fis-snin 40 tas-seklu 19. Ir-Raħal l-Antik kulma jmur ġie mitluq iktar, u xejn inqas minn "mandraġġ" iffullat b'rati għoljin ta' mortalità. It-titjib li twettaq taħt il-Lord ProvostWilliam Chambers fis-snin 60 tas-seklu 19 witta t-triq għat-trasformazzjoni taż-żona fir-Raħal l-Antik prevalentement Vittorjan kif inhu llum. Sar iktar titjib fil-bidu tas-seklu 20 bħala riżultat tax-xogħol ta'Patrick Geddes, iżda l-istaġnar ekonomiku relattiv matul iż-żewġ gwerer dinjin u wara wassal biex ir-Raħal l-Antik reġa' qabad it-triq tan-niżla, sakemm it-tneħħija tal-"mandraġġ" fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20 ma bdietx tagħmel tajjeb għal dan il-proċess. L-iżviluppi tal-binjiet universitarji li ttrasformaw iż-żoni tal-Pjazza ta' Ġorġ (bl-Ingliż: George Square) u ta' Potterrow kienu kontroversjali ferm.
Il-Mil Irjali (bl-Ingliż: Royal Mile) huwa għadd ta' toroq dritti waħda wara l-oħra li jiffurmaw it-triq prinċipali fir-Raħal l-Antik ta' Edinburgu.
Mis-snin 90 tas-seklu 20, "distrett finanzjarju" ġdid, inkluż iċ-Ċentru tal-Konferenzi Internazzjonali ta' Edinburgu, kiber l-iktar fuq proprjetà mġarrfa tal-linji ferrovjarji fil-Punent tal-kastell sa Fountainbridge, subborg industrijali mitluq tas-seklu 19 li għadda minn bidla radikali mis-snin 80 tas-seklu 20 bl-għeluq tal-istabbilimenti industrijali u tal-birreriji. Dan l-iżvilupp kontinwu ppermetta lil Edinburgu żżomm il-post tagħha bħala t-tieni l-ikbar ċentru finanzjarju u amministrattiv tar-Renju Unit wara Londra. Is-servizzi finanzjarji issa jirrappreżentaw terz tal-ispazju kummerċjali bl-uffiċini fil-belt. L-iżvilupp tal-Park ta' Edinburgu (bl-Ingliż: Edinburgh Park), park kummerċjali u teknoloġiku ġdid ta' 38 akru (15 ha), erba' mili (6 km) fil-Punent taċ-ċentru tal-belt, ikkontribwixxa wkoll għall-istrateġija tal-Kunsill Distrettwali biex ikun hemm riġenerazzjoni ekonomika maġġuri.
Fl-1998, l-Att dwar l-Iskozja, li daħal fis-seħħ is-sena ta' wara, stabbilixxa Parlament Skoċċiż devolut u Eżekuttiv Skoċċiż (li sar magħruf bħala l-Gvern Skoċċiż minn Settembru 2007). It-tnejn għandhom is-sede tagħhom f'Edinburgu, u huma responsabbli għall-iggvernar tal-Iskozja, filwaqt li materji riżervati bħad-difiża, l-affarijiet barranin u xi elementi tat-taxxa fuq l-introjtu huma responsabbiltà tal-Parlament tar-Renju Unit f'Londra.
Ir-Raħal l-Antik u r-Raħal il-Ġdid ta' Edinburgu ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[13]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO:il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; ul-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[13]
Veduta panoramika ta' Edinburgu mill-Għolja ta' BlackfordVeduta panoramika tal-belt mill-Kastell ta' EdinburguVeduta panormaika tar-Raħal l-Antik ta' Edinburgu
^Team, National Records of Scotland Web (2013-05-31)."National Records of Scotland".National Records of Scotland . Arkivjat minnl-oriġinal fl-2021-05-02. Miġbur2021-08-09.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
^Gelling, Margaret; Nicolaisen, W. F. H.; Richards, Melville (1970).The Names of Towns and Cities in Britain. Batsford. pp. 88–89. ISBN978-0-7134-5235-8.
^Driscoll, Stephen; Yeoman, Peter A. (1997).Excavations within Edinburgh Castle in 1988–91. Society of Antiquaries of Scotland monograph series.12. Society of Antiquaries of Scotland. p. 229. ISBN978-0-903-903127.
^Room, Adrian (2006).Placenames of the World. McFarland. pp. 118–119. ISBN978-0-7864-2248-7.
^"British Archaeology magazine, August 2001".web.archive.org. 2013-11-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-02. Miġbur2021-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
^Coghill, Hamish (2008).Lost Edinburgh. Birlinn Ltd. pp. 1–2. ISBN978-1-84158-747-9.
^Ritchie, J. N. G. and A. (1972).Edinburgh and South-East Scotland. Heinemann. p. 51. ISBN978-0-435-32971-6.
^Driscoll, Stephen; Yeoman, Peter A. (1997).Excavations within Edinburgh Castle in 1988–91. Society of Antiquaries of Scotland monograph series.12. Society of Antiquaries of Scotland. p. 227. ISBN978-0-903-903127.